|
Ahbarijiet
Vetustior Glorior - Open Weekend fil-Kunvent Agostinjan ta' S.Mark - Rabat
14 u 15 ta’ Novembru 2009
L-Agostinjani fir-Rabat
Fil-linja tal-għan li għalih twaqqfu mill-Knisja, l-ewwel insedjament tal-Agostinjani kien qrib il-belt kapitali l-qadima, l-Imdina. Huwa fatt ċert li l-Agostinjani tilfu l-monasteru tagħhom u kulma kienu jippossedu matul l-assedju Tork ta’ l-1429. Reġgħu bnew kunvent ieħor tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mill-ħitan tal-belt tal-Imdina. Dan il-kunvent twaqqa’ mill-Maltin f’Lulju 1551 waqt it-theddida ta’ assedju ieħor mit-Torok fuq Malta. L-Agostinjani kellhom jistennew sat-28 ta’ Awissu 1555 biex akkwistaw mingħand il-Kapitlu Katidrali l-kappella żgħira ta’ San Mark u ftit djar imġarrfa li kienu jmissu magħha. Din id-data hi important fl-istorja ta’ l-Agostinjani f’Malta għax meqjusa bħala l-waqt ewlieni ta’ bidu ġdid u li minnu, mingħajr interruzzjonijiet, inbniet il-preżenza solida ta’ l-Agostinjani f’Malta u Għawdex sa żminijietna.
Il-Knisja ta’ San Mark u l-kunvent tal-Agostinjani li jinsabu fi Triq S. Wistin (ir-Rabat), hekk kif titla’ mis-Saqqajja, huma meqjusa bħala kumpless-ġojjell arkitettoniku u artistiku ta' valur kbir. Il-Knisja, xogħol l-arkitett Ġlormu Cassar (meqjusa bħala prototip tal-konkattidral ta' San Ġwann) u l-Kunvent tagħna, xogħol il-perit Andrea Belli (seklu XVIII) għandhom ħafna x'joffru kemm mil-lat storiku u kemm mil-lat artistiku. Matul iż-żmien il-Kunvent u l-komunità tal-patrijiet agostinjani għaddew minn żminijiet diffiċli (bħal meta kienu sopressi mill-okkupazzjoni franċiża), imma wkoll ta’ solidarjetà qawwija mal-pooplu malti (bħal meta l-kunvent laqa’ fih madwar 300 refuġjat fi żmien it-tieni gwerra dinjija jew kien iservi wkoll ta’ skola).
Illum f’din il-komunità jgħixu tmien reliġjużi. Barra l-appostolat marbut mal-knisja, il-missjoni ewlenija tal-komunita hija l-formazzjon tal-kandidati li jingħaqdu mal-Ordni Agostinjan. Marbut ma’ dan l-għan huwa s-servizz ta’ dixxerniment vokazzjonali li jingħataw iż-żgħażagħ li jixtiequ jiskopri s-sejħa tagħhom. Għaldaqstant il-komunità tilqa’ fostha għadd sabiħ ta’ żgħażagħ li jagħmlu din il-mixja ta’ għarfien vokazzjonali.
Vetustior Glorior – l-għan
L-għan li għalih ser issir l-open weekend huwa doppju:
1. Din tkun opportunità, nista' ngħidu unika, li l-pubbliku malti u barrani jkun jista' jidħol u jżur post li normalment ikun magħluq għax huwa dar reliġjuża u residenza privata. Tkun opportunità kulturali fejn kull min jixtieq jista' japprezza mhux biss il-wirt artistiku u arkitettoniku, iżda japprezza wkoll il-ħajja komunitarja tar-reliġjużi agostinjani, imsejsa fuq il-fidi, li kontribwew mhux ftit għal ħajja soċjali u reliġjuża tal-pajjiż f'aktar minn 600 sena ta' storja f'Malta. Nemmnu fil-messaġġ kulturali qawwi li dan kollu għandu għal żminijietna.
2. Bħalissa il-Komunita Agostinjana bdiet ir-restawr u l-konservazzjoni tal-faċċata tal-kunvent u tal-knisja. Ibdiet parti żgħira u nixtiequ ħafna nkomplu għax nemmnu fil-valur artistiku ta' din il-binja u l-messaġġ kulturali li twassal. Mid-dħul finanzjarju li qed nittamaw li din l-attivita tiġġenera u bl-għajnuna ta’ diversi sponsors nkunu nistgħu inkomplu ir-restawr tal-faċċata kemm tal-knisja u kemm tal-kunvent. Dan ir-restawr qed nikkalkulaw li ser jiswa madwar €50,000-€60,000.
Vetustior Glorior – l-attività
L-attività iġġib l-isem ta’ Vetustior glorior li huwa l-motto li matul iż-żmien ingħata lil dan il-kunvent: eqdem u aktar glorjuż. Permezz ta’ din l-attivita nixtiequ li l-kumpless agostinjan ikun apprezzat iktar bil-għan li permezz tar-restawr li meħtieġ ikun jista’ jerġa jikseb mill-ġdid il-glorja tiegħu.
Għaldaqstant l-attivita ser tiffoka fuq l-apprezzament tal-fidi, l-arti, l-kultura u l-istorja li hemm maħżun f’dan il-kumpless. Biex dan jista’ jsir ser ikunu organizzati ammont ta’ żjarat iggwidati kull nofs siegħa (bl-ingliż f’12pm u fl-4pm). Dawn ser iżuru iż-żewġ sulari tal-kunvent, bl-ambjenti storiċi (il-kjostru, l-iscala regia, il-bibljoteka, is-sala kapitolari, ir-refettorju, is-sagristija u l-Knisja), imma wkoll dawk li l-komunità agostinjana tuża llum (s-sala tal-computers, il-kamra tar-rikreazzjoni, l-kappella privata, eċċ). Għal dawk li japprezzaw l-arti ser ikun espost wieħed mill-pannelli tat-trittiku tas-seklu XV li jinsab fil-kunvent.
Mil-aspett kulturali ser ikun wirja fotografika ta’ Christopher Azzopardi, flimkien ma’ esebizzjoni ta’ xogħlijiet artistiċi li numru ta’ artisti stabiliti għamlu f’dawn l-aħħar ġimgħat. Fotografija u arti għandhom bħala tema l-istess kunvent u knisja. Il-bejgħ ta’ dawn l-opri ta’ arti jgħin fil-ġbir ta’ fondi. Ser ikun hemm numru ta’ artisti li ser ikunu qed ipinġu fuq il-post.
Ser ikun hemm ukoll involviment ta’ tlett korijiet: St. Paul’s Choral Society taħt id-direzzjoni ta’ Dr. Hugo Agius Muscat (fil-quddiesa tas-Sibt @ 6pm), Kor Sine Macula taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Tony Pace (fil-quddiesa tal-Ħadd @ 10am) u New Choral Singers, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Robert Calleja f’kunċert korali fil-Knisja is-Sibt fit-8pm.
Ser ikun hemm kafeterija u diversi stands li mid-dħul finanzjarju tagħhom inkunu qed ngħinu fil-proġett ta’ restawr.
Jiem u ħinijiet
Is-Sibt 14 ta’ Novembru: mill-10.00am sas-7.30pm. Kunċert korali fil-Knisja fit-8.00pm.
Il-Ħadd 15 ta’ Novembru: mill-10.00am sal-5.30pm.
Fid-dħul ser tintalab donazzjoni.
Ghal aktar informazzjoni u ritratti mistieden izzur is-sit promozzjonali: www.augmalta.org/sanmark.html

|